Il-Valletta Design Cluster

Il-Biċċerija l-Antika

X'inhu l-Valletta Design Cluster?

Il-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta — proġett legat ta’ Valletta 2018, Kapitali Ewropea tal-Kultura — huwa spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsab fil-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta, li ġiet rinnovata f’dawn l-aħħar snin. Il-Valletta Design Cluster jiffoka fuq id-disinn, l-intraprenditorija u l-impatt soċjali, filwaqt li jappoġġja u jippromwovi disinn iċċentrat fuq l-utent bħala katalist għall-innovazzjoni u bħala approċċ multidixxiplinarju li jista’ joħloq impatti pożittivi għall-komunitajiet u l-individwi.

L-għan tal-Valletta Design Cluster huwa dak li jipprovdi spazju u opportunitajiet lill-operaturi kulturali u kreattivi ta’ Malta li dejjem qed jikbru. Huwa proġett b’rabtiet sodi fl-istorja rikka tal-Belt Valletta, li jipprovdi pont bejn 450 sena ta’ attività urbana u l-futur tal-Belt. Il-kontributuri umani ewlenin għal dan l-isforz kbir ta’ riġenerazzjoni huma r-residenti tal-Belt Valletta u l-komunitajiet ġirien flimkien ma’ professjonisti kulturali u kreattivi fi prattiċi intensivi fid-disinn.

X'faċilitajiet noffru?

Dan l-ispazju jinkludi riżorsi u żoni dedikati għall-ko-ħidma, Makerspace, kmamar għal-laqgħat u faċilitajiet għall-konferenzi, spazju għall-ikel, stujows u anke ġnien ġdid fuq il-bejt tal-binja. Il-Valletta Design Cluster għandu wkoll l-ispazji tiegħu stess għal prattikanti f’residenza, b’żewġ appartamenti li jistgħu jintużaw ukoll bħala laboratorji għal proġetti internazzjonali għal prattikanti kreattivi, dawk li joħolqu oġġetti permezz tad-disinn u riċerkaturi li jżuru pajjiżna.

Xi jfisser għalina d-Disinn?

“Id-disinn huwa dixxiplina ta’ studju u prattika ffukata fuq l-interazzjoni bejn persuna — ‘utent’— u l-ambjent magħmul mill-bniedem, li tqis kunsiderazzjonijiet estetiċi, funzjonali, kuntestwali, kulturali u soċjetali.” Il-Kunsill Internazzjonali għad-Disinn

Fil-Valletta Design Cluster, aħna niddefinixxu d-disinn bħala azzjoni, proċess, u riżultat fejn il-mutur wara dan kollu huwa l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni funzjonali għal problema li jaqsmu ħafna. Id-disinn jgħaqqad il-kreattività u l-innovazzjoni biex jifforma l-ideat f’realtà, kemm jekk ikun post, prodott, servizz, sistema jew mod ta’ għajxien sabiex id-dinja ssir post aħjar. Aħna nemmnu li billi nieħdu sehem f’attivitajiet li jtejbu l-benessri soċjali naqdu aħjar il-komunitajiet tagħna u nwettqu r-rwol tagħna bħala pjattaforma għall-inkoraġġiment u l-iskambju.

Għalhekk, ninkoraġġixxu l-kollaborazzjoni, l-inklussività, il-ko-kreazzjoni u l-esperimentazzjoni fi ħdan u fost diversi dixxiplini, li jvarjaw minn prattika artistika u kreattiva, intrapriża sostenibbli, id-disinn tal-prodotti, l-arkitettura, il-moda, ir-robotika, il-krafts, il-placemaking, il-prattika kulinarja, id-disinn tal-logħob u tas-software, disinn relatat mal-industrija tal-films, l-intrapriża soċjali u aktar.

Tixtieq issir membru?

Agħti daqqa t’għajn lejn l-iskemi ta’ sħubija tagħna.

Fejn Tista' Ssibna

Il-Komunità Tagħna

The Valletta Design Cluster building
c. Darren Agius
Id-dimensjoni komunitarja tinsab fil-qalba ta’ dak li hu l-Valletta Design Cluster. Aħna napprezzaw il-kollaborazzjonijiet u nemmnu fil-potenzjal li l-għarfien u r-riżorsi inkorporati fil-komunità għandhom biex jittrasformaw is-soċjetà u jagħmlu ħajjiet aħjar. Il-komunitajiet li jiffurmaw il-Valletta Design Cluster jikkonsistu f’diversi individwi u organizzazzjonijiet li jiġġeneraw valur soċjali pożittiv permezz tal-kreattività, l-intrapriża u l-impatt soċjali. Dawn ivarjaw minn prattikanti indipendenti għal mikro-intraprendituri, entitajiet pubbliċi għal sħab internazzjonali, residenti għal studenti f’diversi dixxiplini, dawk li joħolqu oġġetti permezz tad-disinn u prattikanti tal-ikel, u atturi tas-soċjetà ċivili għal organizzazzjonijiet involuti f’inizjattivi ta’ ekoloġizzazzjoni pubblika u u placemaking. Il-forma tagħna ta’ impenn komunitarju hija bbażata fuq mudell ta’ edukazzjoni miftuħa, u tibni direttament fuq prinċipji ispirati mill-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.