Dwar Strada Stretta

Il-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal Strada Stretta jieħu ispirazzjoni minn din it-triq ikonika u l-istorja notorja tagħha, kif ukoll mill-ħafna familji u kreattivi li twieldu u trabbew hawn, biex jipprovdi palk u udjenza għall-artisti tagħna – kemm stabbiliti kif ukoll emerġenti – fl-isfond ta’ din it-triq dejqa mimlija storja.

Il-pjan biex Strada Stretta terġa’ tingħata l-ħajja bħal qabel beda fis-snin ta’ preparazzjoni qabel l-2018, meta l-Belt Kapitali ta’ Malta, il-Belt Valletta, ġiet inkurunata Kapitali Ewropea tal-Kultura. Minn dakinhar, il-Fondazzjoni Valletta 2018, u sussegwentement l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ġew inkarigati bil-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti biex jivvalorizzaw dejjem aktar u jagħtu ħajja lil Strada Stretta, il-qalb ewlenija tad-divertiment fil-Belt Valletta.