Il-Faċilitajiet tal-Valletta Design Cluster

Il-Valletta Design Cluster joffri diversi faċilitajiet differenti. Dawn jinkludu:

Il-Bitħa Interna

Il-Bitħa Ċentrali taqsam iż-żewġ blokok tal-binja. L-ispazju huwa wieħed versatili u l-għamara ta’ ġo fih se tkun tista’ tiċċaqlaq faċilment għal skopijiet differenti, bħax-xogħol, ir-rilassament, esibizzjonijiet, u laqgħat, fost oħrajn.

Sala għall-Konferenzi

Il-Valletta Design Cluster huwa attrezzat b'Sala għall-Konferenzi li tesa' madwar 80 ruħ.

Spazju tal-Ikel

L-ispazju tal-ikel jinkludi kċina armata u maqsuma f’9 sezzjonijiet li jistgħu jintużaw għat-tagħlim, kafetterija, kantin, u żoni għall-istivar tal-ikel.

Laboratorji għal Proġetti Internazzjonali

Il-Valletta Design Cluster jinkludi l-International Project Labs; żewġt idjar biswt is-sit prinċipali attrezzati b’faċilitajiet domestiċi ‘self-catering’ għall-akkomodazzjoni tal-prattikanti.

Ġnien fuq il-Bejt

Il-ġnien fuq il-bejt (roof garden) huwa spazju pubbliku aħdar fuq il-bejt tal-binja li se jipprovdi arja nadifa għall-Belt Valletta. Dan se jkun ideali għar-rilassament, attivitajiet kreattivi u għall-interess ambjentali.

Spazju għall-Ko-Ħidma

L-ispazju għall-ko-ħidma huwa attrezzat bi skrivaniji, spazju fejn wieħed jista’ jerfa’ xi oġġetti, kamra żgħira ddedikata għall-vidjokonferenzi u salott.

Makerspace

Il-Makerspace huwa workshop fil-Valletta Design Cluster mgħammar b'varjetà ta' għodod u huwa l-ispazju meħtieġ biex persuni kreattivi jkunu jistgħu jidħlu b’idea u joħorġu bi proġett sħiħ.

Kmamar għal-Laqgħat

Il-Valletta Design Cluster huwa attrezzat b'ħamest ikmamar għal-laqgħat ta' daqsijiet differenti (li jesgħu madwar 10-20 ruħ).

Studjos

Il-Valletta Design Cluster huwa attrezzat bi 15-il studjo bil-għan li jservu ta’ spazji kreattivi għall-persuni li jagħżlu li jqattgħu żmien twil jaħdmu ġewwa l-Cluster.