ESPRESSJONI TA’ INTERESS GĦAL BEJJIEGĦA TAL-IKEL U X-XORB MATUL IL-VALLETTA LOCAL FOOD FESTIVAL 2026

  1. INTRODUZZJONI

Wara s-suċċess tal-aħħar erba’ edizzjonijiet tal-Valletta Local Food Festival, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”) se torganizza l-Ħames Edizzjoni ta’ dan il-Festival. Dan l-avveniment kulinari ta’ 3 ijiem huwa immirat biex jippromwovi ikel, ingredjenti, produtturi, u negozji lokali fil-qasam tal-gastronomija.

L-Aġenzija u l-Malta Food Agency jistiednu lill-bejjiegħa tal-ikel u x-xorb biex jissottomettu l-proposti tagħhom u jesprimu l-interess tagħhom li jesibixxu l-kċina lokali tagħhom matul il-festival ta’ din is-sena. Se jintgħażlu proposti li joffru kontribuzzjonijiet kulinari ta’ kwalità għolja u innovattivi, li jagħtu lill-bejjiegħa magħżula l-opportunità li jbigħu l-prodotti tagħhom minn fuq mejda pprovduta mill-Aġenzija.

Il-Valletta Local Food Festival ifittex li jqajjem kuxjenza dwar ir-rikkezza u l-kreattività tax-xena kulinarja ta’ Malta billi jenfasizza l-platti tradizzjonali lokali u jagħti prova li l-prodotti mkabbra lokalment jistgħu jikkompetu fuq livell internazzjonali. Il-festival se jinkludi koki mistiedna lokali li se jorganizzaw dimostrazzjonijiet u taħditiet live, flimkien ma’ divertiment u mużika live biex tinħoloq atmosfera divertenti.

Ospitat fi Pjazza San Ġorġ, dan il-proġett se joffri lill-pubbliku diversi stands tal-ikel u tax-xorb bil-prodotti uniċi tagħhom.

Il-festival se jsir skont l-iskeda t’hawn taħt:

  • Il-Ġimgħa, 3 ta’ Lulju 2025 mis-7pm sa 12am (nofsillejl)
  • Is-Sibt, 4 ta’ Lulju 2025 mis-7pm sa 12am (nofsillejl)
  • Il-Ħadd, 5 ta’ Lulju 2025 mis-7pm sa 12am (nofsillejl)

F’każ ta’ tibdil fl-iskeda t’hawn fuq, l-applikanti magħżula se jiġu avżati minn ġimgħatejn qabel.

Ċaħda ta’ responsabbiltà:

L-applikanti prospettivi għandhom jinnotaw li billi jissottomettu applikazzjoni kif speċifikat hawn taħt, qed jikkonfermaw li jaqblu mat-termini u l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’din l-Espressjoni ta’ Interess.

L-applikanti għandhom jinnotaw ukoll li l-Aġenzija se tirrispetta kwalunkwe restrizzjoni ppubblikata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali dwar l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi.