• English
  • Malti
  • Attivitajiet
  • Aħbarijiet
  • Opportunitajiet
  • Blogs
  • Valletta Design Cluster
    • Valletta Design Cluster
    • Il-Faċilitajiet Tagħna
    • Sir Membru
      • Sħubija Regolari
      • Sħubija bbażata fi Studjow
    • Il-Proġetti Tagħna
      • Programmi ta’ Residenza
        • Kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv
      • Design4Innovation
      • Ulysses’ Shelter 3
      • FiftySix – Taħdidiet dwar id-Disinn
  • Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031
    • Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031
    • Avviżi
    • Skeda ta’ Żmien
  • Appoġġja lill-VCA
  • Dwarna
  • Ikkuntattjana

Edizzjoni Speċjali tal-Festival tal-Ikel Lokali fil-Belt Valletta

Il-Valletta Local Food Festival jirritorna mill-4 sas-6 ta’ Lulju 2025 b’edizzjoni speċjali fil-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq. Iċċelebra r-rikkezza tal-prodotti lokali u t-tradizzjonijiet kulinari, waqt tlett ijiem ta’ ikel, kultura u spirtu ta' komunità. Il-festival huwa organizzat mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta f’kollaborazzjoni mal-Malta Food Agency.

Il-Valletta Local Food Festival jirritorna b’edizzjoni speċjali mill-Ġimgħa 4 sal-Ħadd 6 ta’ Lulju 2025, mis-7 ta’ filgħaxija sa nofs il-lejl u se jittrasforma l-ġnien tal-Barrakka ta’ Fuq għal tlett ijiem ta’ skoperta kulinari, prodotti lokali, u ċelebrazzjoni komunitarja.

Organizzata b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Malta Food Agency, din l-edizzjoni twiegħed li tkun aktar diversa u toffri varjetà aktar minn qatt qabel.

Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Il-Valletta Local Food Festival huwa ċelebrazzjoni sabiħa tal-identità u t-talent lokali tagħna. Għal tlett ijiem, il-Barrakka ta’ Fuq se ssir spazju fejn il-familji, il-viżitaturi u l-produtturi lokali jiltaqgħu flimkien biex igawdu flimkien il-kultura fil-qalba tal-Belt Valletta b’aktar minn 25 produttur lokali.”

“Din l-edizzjoni speċjali tagħti spinta lill-ekonomija kreattiva u lill-komunitajiet tagħna, u tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn il-kultura, l-ikel u n-nies. Nawgura suċċess ieħor lil dan il-festival li jdaħħal l-ispirtu tal-valur lokali u b’hekk nibqgħu nagħtu l-ħajja il-Belt Kapitali tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal, “Bħala Gvern, nibqgħu kommessi li nippreservaw u nippromovu dan il-wirt agrikolu u kulinari. Dan il-festival jirrifletti b’mod ċar l-investiment li qed isir biex nassiguraw futur sostenibbli għall-biedja u għall-produzzjoni lokali. Kommessi li nkomplu l-ħidma tagħna biex inkomplu nipproteġu u nsostnu l-bdiewa u l-produtturi lokali tagħna.”

Jason Micallef, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, tenna: “Din l-edizzjoni speċjali tal-Valletta Local Food Festival fil-Belt Valletta hija ċelebrazzjoni vera tal-identità Maltija. Tonora lill-bdiewa u l-artiġjani tagħna filwaqt li tgħaqqad lin-nies flimkien biex igawdu t-togħmiet tal-passat u tal-preżent f’wieħed mill-aktar spazji pubbliċi impressjonanti tal-Belt Valletta.”

Brian Vella, Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency tenna, “Il-kollaborazzjoni hija fil-qalba tal-missjoni tal-Malta Food Agency, u l-Valletta Local Food Festival huwa eżempju perfett ta’ dan. Din is-sħubija strateġika mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tgħaqqad flimkien l-ikel u l-kultura biex tirrifletti tassew dak li verament hu Malti.”

L-ikel huwa parti mill-identità u l-kultura ta’ pajjiżna u permezz ta’ dan il-festival, niċċelebraw ir-rabtiet profondi bejn it-tradizzjonijiet kulinari tagħna u l-wirt kulturali. Aħna kburin b’dak li tirrappreżenta din il-kollaborazzjoni u nħarsu ‘l quddiem biex nilqgħu lill-pubbliku għal dan l-avveniment memorabbli.

Il-Valletta Local Food Festival ta’ din is-sena jgħaqqad flimkien aktar minn 25 produttur lokali, kok, u artiġjan tal-ikel, li jippreżentaw firxa abbundanti ta’ ikel u xorb awtentiku Malti. Minn ġbejniet friski u moqlija, ħalib tan-nagħaġ, kannoli, bigilla, bebbux, u għasel sa mazzola, torti tat-tamal, kirxa, ħobż biż-żejt tradizzjonali, ġamm, u chutneys, kull stand toffri togħmiet bnini u ħafna tradizzjoni. Jintwerew ukoll prodotti innovattivi bħal ħelu infuż bil-bajtra, kannoli mimlija biċ-ċikkulata, melħ bit-togħma, u likuri artiġjanali.

Ewlenija f’din l-edizzjoni se tkun stand immexxija mill-Kok Charles Bone, li fuqha se jkun hemm tisjir live minn koki lokali. Dawn is-sessjonijiet, li jinkludu riċetti ta’ kuljum bi prodotti friski lokali u enfasi fuq il-ħut Malti, għandhom l-għan li jispiraw prattiki ta’ tisjir sostenibbli filwaqt li jiċċelebraw riċetti li ilhom jiġu rispettati.

Il-festival se jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ Benna, San Niklaw Farm, il-Koperattiva Maltija tal-Mogħoż u n-Nagħaġ, The Malta Beekeepers’ Association, Lucky Star Bakery, Flavours of Gozo, u ħafna aktar. Numru ta’ għaqdiet kulturali u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ se jservu wkoll platti sustanzjużi bħal laħam tal-ħaruf, il-kirxa u platti oħra tradizzjonali.

Minbarra l-varjetà ta’ ikel, il-festival jippreżenta programm vibranti ta’ divertiment filgħaxija li jinkludi lil Sarah Bonnici u l-band tagħha, Tikka Banda, Klinsmann Trio, u The Dropout DJ Brass Band bis-sehem tal-kantanti Olivia Lewis, Mike Spiteri, Neville Refalo, u Ritienne.

Il-Valletta Local Food Festival 2025 huwa bla ħlas u miftuħ għal kulħadd, u joffri opportunità li mhux ta’ min titlef biex tesperjenza r-rikkezza tal-kultura tal-ikel Malti.

Għal aktar dettalji, żur is-sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

 

Agħmel kuntatt magħna:

  • Indirizz
    Valletta Cultural Agency, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, Il-Belt Valletta
  • Numru tat-Telefon
    +356 2124 2018
  • Email
    info@vca.gov.mt

Żomm ruħek aġġornat.
Abbona għall-Ittraħbar!

** Mhux ser nibagħtulek emails bla bżonn.

back to top
  • Politika dwar il-Protezzjoni tad-Data
  • Dikjarazzjoni dwar l-Aċċessibilità
  • Il-Libertà tal-Informazzjoni
  • Riżorsi
  • Mappa tas-sit

© 2022 – Valletta Cultural Agency. Id-drittijiet kollha riżervati.

Another website by TheWebAlly Logo