Sejħa għal applikazzjonijiet biex jitwettqu dmirijiet bħala Koordinatur tal-Vidjografija u l-Komunikazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA)
In-nomenklaturi li jindikaw il-ġeneru maskili jinkludu wkoll il-ġeneru femminili.
Is-servizzi ta’ Koordinatur tal-Vidjografija u l-Komunikazzjoni huma meħtieġa fil-VCA, minn Frar 2026, b’medja ta’ 25 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa.
Il-kandidati magħżula se jidħlu f’Kuntratt għal Servizz għal perjodu ta’ 36 (sitta u tletin) xahar. Is-servizz se jiġi remunerat bi €18 (eskluża l-VAT) fis-siegħa, għal valur totali tal-kuntratt li ma jaqbiżx is-€70,200 (eskluża l-VAT) matul it-tul tal-kuntratt. Kwalunkwe taxxa jew ħlas ieħor għandu jitħallas mill-kandidat magħżul.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta teħtieġ is-servizzi ta’ persuna waħda biex twettaq dawn il-funzjonijiet.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta
Il-VCA hija entità tal-Gvern li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Belt Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati f’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra. Bħala legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-VCA iżżomm ukoll standards ta’ eċċellenza fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali fil-belt, filwaqt li tħeġġeġ l-aċċess u l-parteċipazzjoni minn udjenza diversa.
Servizzi Meħtieġa
Il-Koordinatur tal-Vidjografija u l-Komunikazzjoni se jaħdem taħt is-superviżjoni tal-Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv. Il-kompiti ewlenin tal-Koordinatur tal-Vidjografija u l-Komunikazzjoni huma:
- Jgħin fl-abbozzar u l-eżekuzzjoni ta’ pjanijiet u strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni;
- Iwettaq proċeduri ta’ akkwist pubbliku skont ir-Regolamenti tal-Akkwist Pubbliku tal-Gvern;
- Jirranġa kwistjonijiet u jsegwi laqgħat kif meħtieġ;
- Jgħin fi kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ġenerali inkluż, iżda mhux limitat għal, il-ġestjoni ta’ skedi u laqgħat, l-abbozzar ta’ kuntratti, is-segwitu ta’ emails u telefonati, l-abbozzar ta’ minuti, il-kitba ta’ rapporti amministrattivi u t-tħejjija ta’ preżentazzjonijiet kif ordnat mill-Kap tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni;
- Jiġbor informazzjoni mingħand l-artisti u jaġġorna d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa direttament relatata mat-Tim tal-Komunikazzjoni;
- Jagħmel użu xieraq u jieħu ħsieb it-tagħmir u l-materjali tal-Aġenzija, filwaqt li jagħmel inventarju regolari meta jkun meħtieġ;
- Jiġbor u jagħmel kumpilazzjoni tad-dokumentazzjoni relatata mal-accounting, mal-finanzi, mal-assigurazzjoni u l-proċedura u jippreżenta rendikont bil-miktub lill-Kap tal-Komunikazzjoni u lid-Dipartiment tal-Accounting;
- Jirreġistra n-nefqa tal-baġit, il-fluss tal-flus u l-projezzjonijiet finanzjarji flimkien mat-Tim tal-Accounts biex jassigura li l-kampanja ma taqbisx il-baġit allokat;
- Jikkollabora ma’ diversi partijiet interessati u diversi organizzazzjonijiet esterni fir-rigward ta’ kampanji kontinwi ta’ komunikazzjoni u ta’ reklamar;
- Jattendi laqgħat u jagħmel rapport wara kif meħtieġ mir-rwol;
- Jagħmel arranġamenti għall-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni kif meħtieġ;
- Jiżgura li l-proċeduri kollha relatati ma’ avveniment tal-midja jkunu ġew segwiti b’suċċess skont il-proċeduri u skont id-direzzjoni li tkun ingħatat mill-Kap tad-Dipartiment;
- Jipproduċi materjal awdjoviżiv bħal reklami għall-kampanji tal-marketing kif mitlub;
- Jeditja filmati eżistenti;
- Jikseb fajls tal-awdjo għal materjal awdjoviżiv;
- Jagħmel is-sottotitli għaIl-filmati kif meħtieġ f’lingwi differenti;
- Iwettaq dmirijiet oħra li jistgħu jiġu assenjati mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija jew rappreżentant tiegħu/tagħha.
Il-Kordinatur tal-Vidjografija u l-Komunikazzjoni se jkun meħtieġ li jaħdem kif ġej:
- Bejn it-08:00 u s-13:45 fl-uffiċċju prinċipali tal-Aġenzija, mit-Tnejn sal-Ġimgħa esklużi l-festi Pubbliċi/Nazzjonali, matul il-perjodu tas-sajf bl-allowance ta’ siegħa flessibbli. Il-perjodu tas-sajf ma jinkludi l-ebda waqfa madankollu tintalab waqfa minima ta’ 15-il minuta mill-Fornitur tas-Servizz. Din għandha titnaqqas mis-sigħat ta’ servizz mogħtija mill-Fornitur tas-Servizz.
- Bejn it-08:00 u l-17:30 fl-uffiċċju prinċipali tal-Aġenzija, mit-Tnejn sal-Ġimgħa esklużi l-festi pubbliċi/nazzjonali, matul il-perjodu tax-xitwa bl-allowance ta’ siegħa flessibbli. Il-perjodu tax-xitwa jinkludi waqfa ta’ 45 minuta kuljum li titnaqqas mis-sigħat ta’ servizz mogħtija mill-Fornitur tas-Servizz.
- Ħinijiet addizzjonali ta’ servizz jistgħu jintalbu mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta skont l-esiġenzi tax-xogħol.
Il-ħlas għandu jiġi affettwat skont is-sigħat ta’ servizz mogħtija (eskluż kwalunkwe pawża jew assenza temporanja) wara s-sottomissjoni tal-iskeda tax-xogħol ta’ kull xahar li tkun tinkludi s-sigħat ta’ servizz ta’ kuljum mogħtija u fattura fiskali dettaljata.
Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa
L-applikanti interessati jrid ikollhom fil-pussess tagħhom dawn iċ-ċertifikati saż-żmien li l-applikazzjoni tiġi sottomessa:
- Diploma f’Livell 5 tal-MQF (suġġetta għal minimum ta’ 60 kreditu tal-ECTS/ECVET, jew ekwivalenti, fir-rigward ta’ programmi li bdew minn Ottubru 2003) f’suġġett relatat mal-Vidjografija/Marketing, flimkien ma’ ħames (5) snin esperjenza f’xogħol rilevanti.
Applikazzjonijiet
L-applikanti interessati huma meħtieġa jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni u CV indirizzati lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv. Dawn id-dokumenti, flimkien ma’ kopji taċ-ċertifikati, għandhom jintbaghtu permezz ta’ email fuq: hr.vca@vca.gov.mt sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Jannar 2026 f’nofsinhar (Ħin Ċentrali Ewropew). Applikazzjonijiet li jaslu tard mhux se jiġu kkunsidrati.
L-applikanti eliġibbli se jiġu intervistati minn Bord tal-Għażla sabiex jiġi evalwat kemm huma adatti biex jipprovdu s-servizzi msemmija hawn fuq. L-intervista tista’ ssir onlajn.
L-għażla finali għandha ssir fuq mertu tekniku. Din tkun ibbażata fuq analiżi tad-dokumentazzjoni sottomessa f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din is-sejħa, u fuq l-eżitu tal-intervista.