Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena jirritornaw fil-Belt Valletta għada fid-8:45pm, u jwiegħdu lejla spettakolari ta’ mużika, divertiment, u logħob tan-nar.
Pjazza San Ġorġ se terġa’ issir il-qalba tal-avveniment, li ser jittella’ bis-sehem tal-aqwa talent lokali ewlieni flimkien ma’ artisti internazzjonali, filwaqt li l-Port il-Kbir se titella’ wirja maestuża ta’ logħob tan-nar.
Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu ppreżentati minn Ron, Jamie Cardona u Taryn Mamo Cefai u jibdew bil-kantant Malti tant maħbub Glen Vella u l-band tiegħu, u jkun segwit minn The Palace String Orchestra. Is-serata tinkludi prestazzjonijiet ta’ uħud mill-aqwa artisti Maltin fosthom Aidan Drakard, Denise, Gaia, Karin Duff, Keith Zammit Mintoff, Klinsmann, u Miriana Conte.
Hekk kif joqrob il-countdown, id-DJs Denzel Jo Armani u Wayne se jkomplu jqajmu l-atmosfera bl-aqwa siltiet dance tal-2025, imsaħħa b’effetti tal-palk impressjonanti u logħob tan-nar imxandar dirett fuq l-istazzjonijiet tat-TV lokali. L-ispettaklu tal-logħob tan-nar fil-Port il-Kbir se jkun l-akbar wieħed s’issa grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.
Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-quċċata tagħhom mat-tokki ta’ nofsillejl, b’kunċert speċjali live mill-istilla internazzjonali John Newman. Magħruf għas-suċċess globali tiegħu “Love Me Again” u kollaborazzjonijiet ma’ produtturi taż-żfin bħal Calvin Harris (“Blame”).
Il-lejla se tintemm b’sett mill-aqwa minn-DJ Gabii, li jiżgura li ċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu b’mod spettakolari. Iċ-ċelebrazzjonijiet jispiċċaw sas-2am. Is-servizz tal-Valletta Ferry Services se jkun estiż sas-1am, filwaqt li s-servizz ta’ tal-karozzi tal-linja se jkun estiż fuq 16-il rotta u 5 rotot tas-servizz tal-lejl, b’dawn ir-rotot jibqgħu joperaw sa aktar tard mis-1am, grazzi għall-Malta Public Transport. Is-servizz hu bla ħlas għal kull min għandu Tallinja card, u €3 għal vjaġġ migħajr card.
Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta huma organizzati minn G7 Events u appoġġjati mill-Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira pprovdut mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.
Dan l-avveniment huwa appoġġjat ukoll mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.