Il-Valletta Green Festival 2026, li fetaħ uffiċjalment illum 30 ta’ April 2026, bidel il-Belt Valletta b’installazzjoni spettakolari tal-fjuri fid-daħla tal-Belt Valletta, fi Pjazza Ħelsien quddiem il-Parlament u l-ġnien maġiku fi Pjazza San Ġorġ. Magħruf għall-installazzjonijiet impressjonanti tiegħu u l-messaġġ ambjentali qawwi, il-festival jiffoka fuq is-sostenibbiltà, it-tħaddir urban u l-involviment tal-komunità.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Il-Valletta Green Festival mhux biss joffri spettaklu sabiħ ta’ kuluri u kreattività fil-qalba tal-Belt, iżda jfakkarna wkoll fir-responsabbiltà tagħna lejn l-ambjent u l-ispazji urbani tagħna. Dan il-festival huwa xhieda ċara ta’ kif, permezz tal-kollaborazzjoni u l-impenn, nistgħu nibdlu l-ibliet tagħna f’postijiet aktar ħodor, sostenibbli u li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.”
“L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Valletta Green Festival hija l-aktar waħda ambizzjuża tagħna s’issa. Minbarra l-ġnien ħaj u vibranti li jiċċelebra s-sostenibbiltà, il-kreattività, u s-sens qawwi ta’ komunità fi Pjazza San Ġorġ, l-attrazzjonijiet jibdew mid-daħla tal-Belt Valletta u jirriflettu l-impenn kontinwu tagħna li nimmaġinaw mill-ġdid l-ispazji urbani u li noffru esperjenza mill-isbaħ lil kull min iżur il-Belt Valletta sal-10 ta’ Mejju,” qal Jason Micallef, Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

L-installazzjoni artistika ta’ eluf kbar ta’ fjuri kkuluriti twasslek minn fuq il-pont fid-daħla tal-kapitali, għal ġarra enormi quddiem il-Parlament, fuq disinn artistiku tradizzjonali Malti li fuqha tpoġġa bukkett fjuri mill-isbaħ. Dawn inħadmu minn Henry Galea, Jason Zerafa u Ryan Pillow.
Għadd straordinarju ta’ siġar, arbuxelli u pjanti bidlu Pjazza San Ġorġ f’oasi ħadra, bħala parti mill-ġnien maġiku tal-Valletta Green Festival. Speċi għoljin li jilħqu t-tliet metri jinsabu flimkien ma’ varjetà eċċezzjonali ta’ speċi rari fosthom pjanti li għandhom mijiet ta’ snin. L-installazzjoni tiġbor flimkien eluf ta’ pjanti bil-fjuri u speċi Mediterranji, minn petunji kkuluriti għal lavanda fragranti, salvja u varjetà rikka ta’ arbuxelli, kollha minsuġa ma’ karatteristiċi tal-ilma li jagħmlu l-esperjenza waħda mill-aktar trankwilli.

Dan il-ġnien uniku, eżegwit minn Derek Garden Centre, ġie kkurat bir-reqqa biex joħloq pajsaġġ immersiv u evokattiv, jiċċelebra l-bijodiversità filwaqt li jimmaġina mill-ġdid il-pjazza storika bħala santwarju vibranti u ħaj fil-qalba tal-belt.
L-installazzjonijiet tal-fjuri kif ukoll il-ġnien fi Pjazza San Ġorġ, se jkomplu jsebbħu d-daħla tal-Belt Valletta sal-Ħadd 10 ta’ Mejju, meta jiġi ċċelebrat Jum l-Omm.
Dawk kollha li se jżuru l-Belt Valletta f’dawn il-ġranet se jesperjenzaw bosta inizjattivi edukattivi, programm divers imfassal biex jinkoraġġixxi għajxien aħjar u l-EcoMarket ta’ kuljum tul Triq it-Teatru l-Qadim, li se jinkludi prodotti sostenibbli u magħmula lokalment. Se jkun hemm ukoll face painting u workshops għat-tfal b’xejn, fosthom arti biċ-ċagħaq u oġġetti riċiklati, fl-1, it-2, it-3, id-9 u l-10 ta’ Mejju, bejn il-11am u s-2pm. Il-programm ta’ din is-sena jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ Derek Garden Centre, ERA, Project Green, Ambjent Malta, Circular Economy Malta u Wasteserv.
Żur il-websajt tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook għal aktar informazzjoni.