Tnejn minn kull tlieta żaru l-Belt Valletta fi żmien il-Milied, 80% tan-negozji jirrappurtaw dħul stabbli jew żdied
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ppubblikat il-Programm Kulturali tagħha għall-2026, u b’hekk qed twitti t-triq għal sena oħra mimlija daqs bajda fil-kapitali.
It-tnedija saret flimkien mal-pubblikazzjoni ta’ riżultati ġodda ta’ stħarriġ ta’ Prof. Vincent Marmara, li jikkonferma s-suċċess dejjem jikber tal-Belt Valletta, bi tnejn minn kull tlieta li wieġbu żaru l-Belt Valletta fi żmien il-Milied. Aktar minn 66% ta’ dawk li wieġbu kkonfermaw li żaru l-belt f’Diċembru b’aktar minn nofshom iżuruha darbtejn jew tliet darbiet.
Sadanittant, 80% tan-negozji tal-Belt Valletta rrappurtaw dħul miżjud jew stabbli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Il-maġġoranza assoluta tan-negozji ddikjaraw li l-programm Christmas in the Capital tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għen lin-negozji tagħhom. Dan huwa vot ta’ fiduċja b’saħħtu fil-programm tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li jippromwovi l-vibranza kulturali.

Preżentazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġ saret waqt konferenza tal-aħbarjiet li saret aktar kmieni llum fil-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, qal, “Dan l-investiment ta’ €4.5 miljun fil-Programm Kulturali tal-2026 jikkonferma l-impenn tagħna lejn Belt Valletta vibranti u dinamika. Ir-riżultati tal-istħarriġ juru b’mod ċar li l-inizjattivi kulturali qed jagħtu frott, kemm fil-parteċipazzjoni tan-nies kif ukoll fit-tisħiħ tan-negozji tal-kapitali. Se nkomplu naħdmu biex il-Belt tibqa’ ċentru kulturali ħaj u aċċessibbli għal kulħadd.”

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef irrimarka li, “Ir-riżultati tal-istħarriġ juru b’mod ċar li l-Belt Valletta tkompli tirresona b’mod qawwi mal-pubbliku, b’aktar minn 66% jżuru l-kapitali f’Diċembru li għadda biss. Dan is-suċċess jirrifletti l-fiduċja dejjem tikber fil-viżjoni kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u jsaħħaħ l-impenn tagħna li ninvestu fi programm li jżomm lill-Belt Valletta vibranti, rilevanti u ħajja s-sena kollha.”

Is-CEO tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet li, “Il-konnessjoni kulturali mhix biss l-etos tagħna iżda l-forza ewlenija tagħna. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta twettaq il-wegħdiet tagħha billi tgħaqqad lin-nies flimkien permezz tal-kultura. Il-programm ta’ din is-sena jonora t-tradizzjoni filwaqt li jħaddan b’mod kuraġġuż l-innovazzjoni permezz ta’ spettakli fuq skala kbira li jimmaġinaw mill-ġdid l-esperjenza tal-kapitali.”
Il-programm jiftaħ bil-parteċipazzjoni tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fit-tieni edizzjoni tal-Malta Biennale 26 permezz ta’ installazzjonijiet tad-dawl fi Triq Melita u Triq ir-Repubblika. Matul il-Ġimgħa Mqaddsa, Pjazza San Ġorġ tospita l-installazzjoni tradizzjonali impressjonanti li tinkludi mijiet ta’ fjakkoli, u toħloq atmosfera profonda u kontemplattiva fil-qalba tal-Belt Valletta.
Mit-30 ta’ April sal-10 ta’ Mejju, it-12-il edizzjoni tal-Valletta Green Festival tittrasforma Pjazza San Ġorġ u żoni ikoniċi oħra b’installazzjonijiet artistiċi b’tema ambjentali.
Fost il-produzzjonijiet ġodda ta’ din is-sena hemm il-kunċert L-Aqwa 20 tal-Maltin, ċelebrazzjoni ta’ wħud mill-aqwa kanzunetti Maltin fl-istorja mużikali tal-Gżejjer.
Fis-27 ta’ Ġunju, Opera in the Capital jirritorna bħala wieħed mill-proġetti ewlenin tal-programm, segwit mill-Valletta Local Food Festival li se jittella’ fi Pjazza San Ġorġ, mit-3 sal-5 ta’ Lulju. Il-Valletta Pageant of the Seas – spettaklu uniku fil-Port il-Kbir, se jittella fl-24 ta’ Lulju.
Mill-25 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru, Christmas in the Capital jerġa’ jġib il-ferħ fil-Belt Valletta, u jilħaq il-qofol tiegħu biċ-ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena. Sadanittant, mill-4 ta’ Diċembru sal-10 ta’ Jannar, l-Aġenzija tippreżenta Between Two Points, wirja ta’ xogħlijiet artistiċi ta’ Paul Camilleri.
Sadanittant, il-Valletta Design Cluster ikompli jgħaqqad l-arti u d-disinn, billi jistieden disinjaturi ġodda, studenti, u professjonisti tal-industrija biex jipparteċipaw f’sensiela ta’ workshops, korsijiet, attivitajiet komunitarji, u aktar. Fil-qalba ta’ dan il-programm hemm Tinkering Day bil-parteċipazzjoni ta’ Eco Market, is-serje The Art of Making u sessjonijiet immexxija minn membri tal-istudjo, fost avvenimenti oħra.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali tagħha, żur vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija.