L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fetħet l-esibizzjoni Antler Cry, tal-artist Malti Anthony Catania, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, li se tibqa’ miftuħa sal-11 ta’ Jannar.
Din il-wirja tħares lejn il-mit antik ta’ Attejon; il-kaċċatur li jmur f’masġar sagru u jaħsad lil alla Diana waqt li kienet qed tinħasel. Huwa jiġi trasformant f’ċerv qabel ma jinqatel mill-klieb tiegħu stess minħabba dak li ma kellux jara. Fl-isfond ta’ dan il-qafas tematiku, Catania jesplora l-viżjoni, il-konsegwenzi u l-prezz tat-trasgressjoni.
Għall-artist, il-mument meta tara dak li jista’ jweġġa’, u l-konsegwenzi ta’ wara huma l-qofol tal-esperjenza.
“F’din l-esibizzjoni, l-artist imiss is-sensibilità umana u jkejjel il-polz tagħha,” tenniet Catherine Tabone, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. “Konxju bis-sħiħ tal-qawwa li l-istejjer għandhom fuq il-psike umana, il-mit hawnhekk jingħata l-ħajja permezz ta’ interpretazzjoni ġdida li hija tassew spettakolari”.
“Antler Cry ta’ Anthony Catania hija l-ħarsa, rappreżentata miż-żejt u l-pastel f’koreografija minsuġa. Huwa xogħol profond li jbeżża u li jissolidifika l-pożizzjoni ta’ Catania mhux biss bħala modernist Malti, iżda bħala poeta kuraġġuż u essenzjali tal-istil makabru Ewropew,” stqarr il-Kuratur Dr Jean Pierre Magro.
L-arti ta’ Catania hija qawwija, emozzjonali u mingħajr kompromessi. Permezz ta’ kuluri skuri, il-moviment vjolenti u l-forom ħorox, Catania jesplora xi jfisser li verament tara, li ssofri u li tiffaċċja veritajiet skomdi.
Biex tifhem l-arti tiegħu trid tifhem il-pajjiż li ispirah: Malta – Art twelidu. Gżira msawra mix-xemx u l-assedji, pajsaġġ ta’ fortizzi magħmulin mill-franka u knejjes barokki fejn is-sagru u l-profan ilhom jgħixu flimkien għal sekli sħaħ. Il-pitturi ta’ Catania jirriflettu proprju din it-tensjoni.
L-esibizzjoni tiegħu tibda bil-mod permezz tal-pittura Whispers in the Ashen Thicket. Hawnhekk wieħed jilmaħ figura ta’ kelb li qed jixrob minn għadira ilma. It-tensjoni minn hawnhekk tkompli tikber sakemm fl-aħħar nilħqu dik li tista’ ssejħilha l-qofol ta’ din l-esibizzjoni: Il-pittura Antlered Transfiguration Under Death’s Gaze. F’din il-pittura kbira u dominanti li quddiemha tħossok imċekken u kkunsmat, issib jirrenja sens ta’ kaos – raġel isir ċerv u l-forma u l-kuluri jingħaqdu f’moviment wieħed vjolenti.
F’dinja fejn il-ħin kollu naraw b’mod passiv mijiet ta’ ritratti u stampi fuq il-mobile, Antler Cry iġġiegħlna nieqfu u niffaċċjaw x’hemm taħt il-wiċċ.
Ħinijiet tad-dħul: 9:00 AM – 5:00 PM kuljum. Il-mużew ser ikun magħluq fil-ġranet li ġejjin: 19, 24, 25, 31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar. Id-dħul għas-sala tal-esibizzjoni huwa mingħajr ħlas. Żjarat ggwidati tal-esibizzjoni se jittellgħu fis-6 u t-13 ta’ Diċembru u fis-7 ta’ Jannar fil-11am.
Għal aktar informazzjoni, żur il-paġni uffiċjali tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.
Ritratti: Vince Piscopo/ Josmar Muscat







