Nhar it-Tlieta 25 ta’ Novembru 2025 fil-5.15pm se jittella’ kunċert festiv mill-kor tat-tfal Centrestage fuq it-taraġ ta’ Pjazza Teatru Rjal (faċċata tal-Wembley), bħala parti mill-programm Christmas in the Capital 2025. Intom mistednin tingħaqdu magħna għal kunċert ta’ għanjiet tradizzjonali Maltin u oħrajn klassiċi tant maħbuba tal-Milied.
Din il-prestazzjoni se tkun parti miċ-ċerimonja li matulha jinxtegħel id-dawl tas-siġra tal-Milied tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, kif ukoll it-toroq ewlenin tal-Belt fost atmosfera mill-isbaħ.
Il-kor Centrestage iwiegħed atmosfera ferrieħija, b’melodiji festivi u kanzunetti mill-isbaħ. Familji u nies ta’ kull età huma mistiedna jattendu din iċ-ċelebrazzjoni fost spirtu festiv fil-qalba tal-Belt Valletta.
Dwar il-kor Centrestage
Il-kor Centrestage huwa magħmul minn 20–30 kantant żagħżugħ dedikat, magħrufa għall-preċiżjoni mużikali u l-espressivita’ tagħhom. Ir-repertorju tal-Milied tagħhom jikkombina arranġamenti festivi tradizzjonali u kontemporanji, u joffri prestazzjonijiet raffinati u memorabbli li jferrħu lill-udjenzi sena wara sena.