L-Esibizzjoni Antler Cry tal-artist Malti Anthony Catania tikkonfronta b’intensità bla kompromessi l-istorja mitoloġika Griega ta’ Actaeon. Il-wirja, li ttella’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, tesplora l-konfini bejn il-viżjoni u l-konsegwenza, billi tuża l-mit bħala lenti biex teżamina l-perċezzjoni umana, it-trasformazzjoni, u l-prezz li wieħed iħallas meta iħares mill-qrib wisq.
L-istorja ta’ Actaeon titratta dwar kaċċatur li bi żball waqt li kien qiegħed jikkaċċja, lemaħ ’l alla Artemis waqt li kienet qed tinħasel. Meta ratu, Artemis b’korla kbira bidlet lil Actaeon f’ċerv li ftit wara spiċċa ġie maqtul mill-klieb tiegħu stess.
L-arti tiegħu ma tistax issejħilha kalma jew dekorattiva – hija arti vjolenti, emozzjonali u mimlija enerġija. Permezz ta’ kuluri skuri u forom ħorox, Catania jesplora xi jfisser li verament tara, li ssofri u li tiffaċċja veritajiet skomdi.
Biex tifhem l-arti tiegħu trid tifhem il-pajjiż li ispirah: Malta – Art Twelidu. Gżira msawra mix-xemx u l-assedji, pajsaġġ ta’ fortizzi magħmulin mill-franka u knejjes barokki fejn is-sagru u l-profan ilhom jgħixu flimkien għal sekli sħaħ. Il-pitturi ta’ Catania jirriflettu proprju din it-tensjoni.
L-esibizzjoni tiegħu tibda bil-mod permezz tal-pittura Whispers in the Ashen Thicket. Hawnhekk wieħed jilmaħ figura ta’ kelb li qed jixrob minn għadira ilma. It-tensjoni minn hawnhekk tkompli tikber sakemm fl-aħħar nilħqu dik li tista’ ssejħilha l-qofol ta’ din l-esibizzjoni: Il-pittura Antlered Transfiguration Under Death’s Gaze. F’din il-pittura kbira u dominanti li quddiemha tħossok imċekken u kkunsmat, issib jirrenja sens ta’ kaos – raġel isir ċerv u l-forma u l-kuluri jingħaqdu f’moviment wieħed vjolenti.
F’dinja fejn il-ħin kollu naraw b’mod passiv mijiet ta’ ritratti u stampi fuq il-mobile, Antler Cry iġġiegħlna nieqfu u niffaċċjaw x’hemm taħt is-superfiċji.
Ħinijiet tad-dħul: 9:00 AM – 5:00 PM kuljum. Il-mużew ser ikun magħluq fil-ġranet li ġejjin: 19, 24, 25, 31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar.