Din il-ġimgħa l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tellgħet esibizzjoni estensiva u diversa f’Dar Malta fi Brussell bl-isem ta’ Valletta 2018: A Legacy sabiex turi u taqsam ma’ ħaddiema Maltin li jaħdmu fi Brussell, f’Dar Malta u fil-Parlament Ewopew, kif ukoll ma’ oħrajn internazzjonali li jaħdmu fis-settur kulturali, il-ħidma estensiva li saret waqt il-Valletta 2018 u wara mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Il-Kummissjoni Ewropea tal-Kultura u anki l-Ewroparlamentari Maltin kienu wkoll mistiedna għal din l-esibizzjoni u għalhekk din serviet bħala opportunità biex dawn jaraw dak kollu li l-Fondazzjoni Valletta 2018 u wara l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għamlet u għadha tagħmel għar-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali fil-Belt Valletta.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, is-Sur Jason Micallef qal li din l-esibizzjoni li l-Aġenzija tellgħet f’Dar Malta hija xhieda tal-impenn ma jieqaf qatt biex is-suċċessi li ksibna meta l-belt kapitali tagħna kienet il-Kapitali Ewropea tal-Kultura mhux biss inġedduhom iżda wkoll nirriflettu dwarhom fil-preżent u nkomplu nibnu fuqhom. Is-Sur Micallef kompla jtenni li l-aqwa legat u wirt li ħalliet Valletta 2018 kienet fil-forma tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li llum hija katalista f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikbar avvenimenti kulturali pubbliċi u attivitajiet kulturali li jsiru matul is-sena kollha fil-Belt.
“Fl-aħħar jiem kellna l-opportunità li nitkellmu mal-kollegi tagħna fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea tal-Kultura mhux biss dwar il-Belt Valletta u x-xogħol tagħna bħala Aġenzija imma wkoll fuq l-impenn tagħna li naraw u nsewgu l-progress u l-proċess kollu li għaddej sakemm belt fil-gżejjer Maltin jerġa’ jkollha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2031. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ilha għaddejja b’ħidma f’dan ir-rigward għal dawn l-aħħar snin u fix-xhur li ġejjin din il-ħidma se tkun qed tieħu forma iżjed mgħaġġla” temm jgħid Jason Micallef.
Fost il-kelliema ewlenin f’din l-esibizzjoni kien hemm ukoll l-Eċċellenza Tiegħu, is-Sur Neil Kerr, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, l-Eċċellenza Tiegħu, Dr Vanni Xuereb, Ambaxxatur ta’ Malta għar-Renju tal-Belġju, is-Sa Nela Riehl, Chair fil-Kumitat dwar il-Kultura u l-Edukazzjoni fi ħdan il-Parlament Ewropew, is-Sur Normunds Popens u s-Sa Marie Imbert, il-koordinatur tal-Kapitali Ewropej għall-Kultura fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.



