Skopri l-artist ġewwa fik u pparteċipa f’City of Colour! L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tistieden individwi b’talent jingħaqdu fi proġett ta’ installazzjoni kollaborattiva fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt Valletta. Bi gwida minn artisti, periti, u inġiniera ta’ esperjenza minn I+A, wieħed mill-aqwa studios tad-disinn f’Malta, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li joħolqu installazzjoni innovattiva li ser titpoġġa għall-wiri għal tliet xhur. Ipparteċipa f’workshops kreattivi fil-Valletta Design Cluster, ċentru tal-komunità vibranti għall-espressjoni kulturali u kreattiva. Titlifx din iċ-ċans li turi t-talent tiegħek u tkun parti minn din il-wirja ta’ kuluri vibranti fil-qalba tal-Belt!

 

Dwar il-proġett:

Il-parteċipanti se jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fl-istadji kollha tal-proġett – mid-disinn tal-installazzjoni, sal-prototipi u finalment il-produzzjoni. Ħafna mis-sessjonijiet mistennija jsiru fil-Makerspace fi ħdan il-Valletta Design Cluster, u l-iskeda hija kif ġej:

 

Laqgħa ta’ orjentazzjoni: 11 ta’ Marzu

Data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet: 15 ta’ Marzu fl-16:00

Komunikazzjoni tar-riżultati lill-Applikanti: 20 ta’ Marzu

Workshop dwar id-disinn tal-installazzjoni (jumejn sħaħ): 25 u 26 ta’ Marzu

Workshop dwar il-prototipi (jumejn sa 3 ijiem sħaħ): mill-14 sas-16 ta’ April

Armar u installazzjoni: 3-15 ta’ Lulju (dati eżatti ser jiġu kkonfermati)

 

Riżultat: L-installazzjoni kkulurita l-ġdida esebita fi Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, bejn ix-xhur ta’ Lulju u Ottubru 2023

 

Din l-opportunità hija għalik jekk inti:

– Tħobb tiddisinja u toħloq

– Tixtieq titgħallem dwar il-fabbrikazzjoni diġitali

– Tinteressak l-arti pubblika

– Tista’ twassal ideat permezz ta’ skeċċ/mudelli jew tista’ tuża s-software CAD bażiku

– Kapaċi taqra tpinġijiet tekniċi

– Għandek aktar minn 18-il sena

 

Kif tapplika:

Se jintgħażlu massimu ta’ 10 parteċipanti. Applika issa billi tibgħat email fuq vdc@vca.gov.mt . L-email tiegħek għandha tinkludi:

– Ismek, kunjomok, l-indirizz elettroniku, numru ta’ kuntatt, numru tal-karta tal-identità

– Għaliex tixtieq tkun parti minn dan il-proġett

– CV

– Deskrizzjoni ta’ kwalunkwe esperjenza preċedenti fit-tfassil u d-disinn

 

Data tal-għeluq tal-applikazzjoni: 15 ta’ Marzu 16:00

 

Noti

 

– Il-parteċipazzjoni hija mingħajr ħlas u l-materjal se jiġi pprovdut mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Sħubija fil-Valletta Design Cluster mhix meħtieġa biex tieħu sehem f’dan il-proġett.

– L-applikanti għandhom ikunu disponibbli għat-tul kollu tal-proġett

– Il-parteċipanti se jkunu responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom infushom il-ħin kollu fil-Valletta Design Cluster

 

Jekk għandek xi mistoqsija, jekk jogħġbok ibgħat email fuq vdc@vca.gov.mt