Is-servizzi ta’ Koordinatur tal-Loġistika tal-Avvenimenti huma meħtieġa fil-VCA, u jibdew minn Jannar 2023 b’medja ta’ 40 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa.

Il-kandidat magħżul ser jidħol f’Kuntratt għal Servizz għal perjodu ta’ sitta u tletin xahar. Is-servizz għandu jitħallas bi €15 (eskluża l-VAT) fis-siegħa sa prezz massimu annwali ta’ €31,200 (eskluża l-VAT), għal valur tal-kuntratt totali li ma jaqbiżx €139,500 (eskluża l-VAT) fuq tliet snin. Kwalunkwe taxxi jew ħlasijiet oħra għandhom jitħallsu mill-kandidat li jintgħażel.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta

Il-VCA hija entità tal-Gvern li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Belt Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra. Legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-VCA ssostni wkoll standards ta’ eċċellenza fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali fil-belt, filwaqt li tinkoraġġixxi l-aċċess u l-parteċipazzjoni minn udjenza diversa.

Servizzi Meħtieġa

Koordinatur tal-Loġistika tal-Avvenimenti huwa meħtieġ biex jimmaniġġja l-loġistika tal-avvenimenti fl-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, inkluż ċerti kwistjonijiet operazzjonali u loġistiċi fil-Valletta Design Cluster.
Il-Koordinatur tal-Loġistika tal-Avvenimenti ser ikun meħtieġ li jikkomunika mal-persunal tal-Aġenzija biex jimmaniġġja r-rekwiżiti loġistiċi tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta b’suċċess, fil-ħin, fil-baġit u skont ir-regoli u r-regolamenti tal-Aġenzija u tal-Gvern.

Kompiti Ewlenin

• Il-provvista ta’ servizzi ta’ loġistika speċjalizzati għall-avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta;
• Il-provvista ta’ servizzi ta’ loġistika speċjalizzati fil-Valletta Design Cluster speċjalment fl-ispazji tal-ikel u żoni komuni;
• L-iżgurar li l-avvenimenti kollha jsegwu l-istandards stabbiliti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti;
• Familjarità tajba mal-awtoritajiet u l-entitajiet lokali fir-rigward tal-għoti ta’ permessi għal diversi attivitajiet fil-Belt Valletta;
• Iż-żamma ta’ rabta soda mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni biex jiġi żgurat li l-informazzjoni relatata mal-avvenimenti tiġi mxerrda fil-ħin u biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet loġistiċi kollha relatati ma’ avvenimenti artistiċi, tnedijiet, u avvenimenti tal-istampa kif diskuss mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni;
• Iż-żamma ta’ relazzjoni ta’ ħidma tajba mal-fornituri ta’ servizz u l-impjegati kollha involuti fl-avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta;
• It-twettiq ta’ kwalunkwe kompitu ieħor skont id-direzzjoni tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija u / jew rappreżentant tagħha.

Kompiti relatati direttament mal-Avvenimenti kif ukoll kompiti Operattivi, Loġistiċi u ta’ Komunikazzjoni oħra kif elenkati hawn taħt:

1. Kompiti relatati mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni

i. It-tħejjija ta’ permessi għall-installazzjoni u ż-żarmar relatati ma’ avvenimenti tal-istampa u/jew sinjali fiżiċi relatati ma’ inizjattivi ta’ marketing u ta’ sensibilizzazzjoni;

ii. Għajnuna fi u ġestjoni tal-loġistika flimkien ma’ fornituri ta’ servizz marbuta mal-kunsinna u t-trasport ta’ podjums u kwalunkwe oġġett fiżiku ieħor bħal oġġetti marbuta ma’ avvenimenti tal-istampa, wirjiet u tnedijiet fejn meħtieġ u kif ordnat mid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni;

iii. L-iżgurar li l-ammont miftiehem ta’ viżibilità marbut mal-avvenimenti tal-istampa, il-wirjiet u t-tnedijiet ikun fis-seħħ fi żmien tajjeb qabel il-bidu tal-avveniment kif miftiehem mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni.

2. Kompiti relatati mad-Dipartiment tal-Ipprogrammar

i. Il-ksib ta’ permessi għal avvenimenti u installazzjonijiet fil-Belt Valletta;

ii. Il-provvista ta’ servizzi loġistiċi speċjalizzati għal avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA);

iii. Koordinazzjoni mal-awtoritajiet ewlenin u l-partijiet interessati kif meħtieġ;

iv. L-iżgurar li l-avvenimenti kollha taħt il-mandat tal-Kuntrattur isegwu l-istandards stabbiliti mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA), f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti speċjalment fir-rigward tas-Saħħa u s-Sigurtà;

v. Ħidma mill-qrib mat-tim tal-ksib pubbliku biex tkun żgurata t-tmexxija bla xkiel tal-avvenimenti u l-aderenza mar-regolamenti.

3. Kompiti relatati mal-Valletta Design Cluster

i. Għajnuna lit-tim tal-Valletta Design Cluster permezz tal-koordinazzjoni, monitoraġġ, sorveljanza u rappurtar ta’ kompiti relatati mal-manutenzjoni u tiswijiet ġenerali tal-infrastruttura fiżika, tagħmir, għamara, oġġetti installati u sistemi mill-fornituri ta’ servizz maħtura, kif rilevanti;

ii. Għajnuna lit-tim tal-Valletta Design Cluster permezz tal-monitoraġġ, is-sorveljanza u r-rappurtar ta’ kompiti relatati mal-funzjonament tajjeb tas-Sistemi ta’ Ġestjoni tal-Bini. L-Esperti Ewlenin għandhom ikunu familjari ma’ dawn is-sistemi mal-bidu tal-kuntratt sabiex ikunu jistgħu jipprovdu intervent tal-ewwel rispons kull meta jkun meħtieġ u jinnotifikaw lit-tim tal-Valletta Design Cluster kif xieraq;

iii. Għajnuna lit-tim tal-Valletta Design Cluster permezz tal-monitoraġġ, is-sorveljanza u r-rappurtar ta’ kompiti relatati mal-implimentazzjoni xierqa ta’ kuntratti ta’ servizz relatati ma’ dawn li ġejjin: servizzi ta’ tindif, servizzi ta’ sigurtà, servizzi ta’ kontroll tal-pesti, kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà, servizzi ta’ ġbir tal-iskart u servizzi oħra pprovduti minn kuntratturi u fornituri tas-servizz kif meħtieġ;

iv. Għajnuna lit-tim tal-Valletta Design Cluster permezz tal-monitoraġġ, is-sorveljanza u r-rappurtar ta’ kompiti relatati mal-funzjonament tajjeb tat-tagħmir u s-sistemi f’żoni speċjalizzati tal-Cluster, inklużi l-makerspace, il-foodspace, il-laboratorji tal-proġetti internazzjonali (appartamenti) u l-istudios kif meħtieġ;

v. Għajnuna lit-tim tal-Valletta Design Cluster permezz tal-monitoraġġ, is-sorveljanza u r-rappurtar ta’ kompiti relatati mal-koordinazzjoni bejn l-aspetti operattivi tal-post, l-organizzazzjoni tal-avvenimenti bbażati fuq il-programm uffiċjali tal-attivitajiet tal-Valletta Design Cluster, u l-ħtiġijiet tal-membri bbażati fuq il-kwistjonijiet u azzjonijiet meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-bini./

Il-fornitur tas-servizz magħżul se jaħdem prinċipalment mill-uffiċċju tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta taħt is-superviżjoni konġunta tal-Kap tal-Operazzjonijiet, il-Kap tal-Komunikazzjoni, il-Kap tal-Ipprogrammar u l-Produzzjoni u l-Kap tal-Valletta Design Cluster u se jkun meħtieġ ukoll li jattendi laqgħat fuq il-post jew mill-bogħod u avvenimenti u rekwiżiti loġistiċi u operattivi oħra.

Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa

a. L-applikanti interessati jridu jkunu fil-pussess tal-kwalifiki u/jew iċ-ċertifikati li ġejjin:

• Ċertifikat ta’ Ħiliet Superviżorji u Maniġerjali jew suġġett relatat fil-Livell 5 tal-MQF (jew ekwivalenti);

• Ċertifikat ta’ Rappreżentanti tas-Saħħa u s-Sigurtà tal-Ħaddiema (jew suġġett relatat);

• Ċertifikat validu tat-Tifi u l-Prevenzjoni tan-Nirien (jew suġġett relatat);

• Ċertifikat validu tal-Ewwel Għajnuna;

• Ċertifikat ta’ Prinċipji tal-Punti Kritiċi ta’ Kontroll tal-Analiżi Bażika tal-Perikli (HACCP) jew ekwivalenti;

• Ċertifikat validu tal-Immaniġġjar tal-Ikel (Liċenzja A); u

• Liċenzja tas-Sewqan valida B1, B, C1, BE, C1E.

b. L-applikanti interessati għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw bl-Ingliż u, preferibbilment, ukoll bil-Malti.

c. Se jitqies bħala assi għall-applikanti eliġibbli li jkollhom il-ħiliet li ġejjin:

• Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni;
• Ħiliet eċċellenti ta’ netwerking;
• Kapaċità li jiżviluppaw kunċetti artistiċi;
• Ħiliet profiċjenti fil-kompjuter (MS Office u Outlook);
• Attenzjoni kbira għad-dettall.

Applikazzjonijiet

L-applikanti interessati huma mitluba jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni indirizzata lill-Uffiċċjal Kap Eżekuttiv, flimkien ma’ dokument li jagħti spjegazzjoni qasira u metodoloġija dwar kif ser jilħqu l-għanijiet stipulati fit-taqsima tal-Kompiti Ewlenin. Dawn id-dokumenti, flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati, għandhom jintbagħtu permezz ta’ email fuq: hr.vca@vca.gov.mt sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-10 ta’ Jannar 2022. Applikazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux ikkunsidrati.

L-applikanti magħżula ser jintalbu jattendu għal intervista, li tista’ ssir fuq l-internet.

L-għażla finali ser issir fuq mertu tekniku. Se tkun ibbażata fuq analiżi tad-dokumentazzjoni sottomessa skont ir-rekwiżiti ta’ din is-sejħa, u fuq ir-riżultat tal-intervista.