• English
  • Malti
  • Attivitajiet
  • Aħbarijiet
  • Opportunitajiet
  • Blogs
  • Valletta Design Cluster
    • Dwarna
    • Il-Faċilitajiet Tagħna
    • Sir Membru
      • Sħubija Regolari
      • Sħubija bbażata fi Studjow
    • Il-Proġetti Tagħna
      • Programmi ta’ Residenza
        • Kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv
        • InnovAiR
      • Design4Innovation
      • Ulysses’ Shelter 3 Spring
  • Strada Stretta
  • Appoġġja lill-VCA
  • Dwarna
  • Ikkuntattjana

Jitnieda l-Programm Kulturali għall-2023

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nediet il-Programm Kulturali tagħha għall-2023 li jinkludi diversi attivitajiet kulturali ta’ livell għoli fosthom produzzjonijiet teatrali, wirjiet artistiċi u ħafna aktar.

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta nediet il-Programm Kulturali tagħha għall-2023 li jinkludi diversi attivitajiet kulturali ta’ livell għoli fosthom produzzjoni ġdida tal-Opra Tosca, programm ta’ installazzjonijiet artistiċi fi Triq in-Nofsinhar, wirjiet, kunċerti kif ukoll wiri ta’ films u produzzjonijiet teatrali.

Ser jittellgħu numru ta’ produzzjonijiet u kollaborazzjonijiet ġodda bil-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti, organizzazzjonijiet kulturali u l-komunità kummerċjali, li  jagħmlu parti mill-ħajja artistika, soċjali u ekonomika tal-Belt Valletta.

Il-programm jinkludi produzzjoni tal-opra Tosca ta’ Puccini li qed titella’ flimkien mat-Teatru Manoel bil-parteċipazzjoni ta’ Kor Malta u l-Malta Philharmonic Orchestra. Din il-produzzjoni l-ġdida hija ddisinjata mill-artist ta’ fama mondjali José Cura, li se jkun ukoll qed jieħu ħsieb id-direzzjoni tal-opra, kif ukoll jieħu sehem fiha fil-parti prinċipali ta’ Cavaradossi.

Produzzjoni oħra mill-aqwa se tkun Mary Spiteri: My Life – li tiċċelebra waħda mill-kantanti ikoniċi tal-gżira, il-ħajja u l-karriera tagħha permezz ta’ repertorju ta’ kanzunetti u intervisti.

Il-Programm Kulturali jinkludi bosta kollaborazzjonijiet oħra fuq skala kbira li ftit li xejn jeħtieġu introduzzjoni fosthom il-Valletta Green Festival, Cinema City u Opera in the City – The Three Tenors. Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, il-Valletta Local Food Festival jirritorna b’ċelebrazzjoni tal-ikel Malti fl-atmosfera tal-Valletta Design Cluster.

Matul il-Ġimgħa Mqaddsa ser titella’ installazzjoni tradizzjonali permezz ta’ mijiet ta’ fjakkoli fi Pjazza San Ġorġ filwaqt li ser nassistu għall-produzzjoni mtella’ mill-personalitajiet teatrali magħrufa Joseph Galea u Carlos Farrugia. Filwaqt li tmur lil hinn mit-tradizzjonali, Fit-3:00PM tgħaqqad aspetti tar-ritwal u l-kult Malti fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

L-Aġenzija se tkun qed taħdem fuq esibizzjoni ta’ Darren Tanti – wieħed mill-aktar artisti Maltin li jsawru l-ħsieb fost dawk li jaraw l-arti tiegħu,  li jiffoka fuq l-iperrealtà u l-integrazzjoni tal-mezzi diġitali fit-tekniki tal-pittura esplorattiva.

Il-programm ta’ Strada Stretta jkompli bis-sensiela ta’ wiri ta’ films klassiċi – Tnejn għat-Talkies u The Spirit of ’73 – prestazzjoni ta’ uħud mill-aktar siltiet klassiċi magħrufa tas-snin sebgħin meta l-istili disco, funk, soul, R&B, smooth jazz, il-jazz fusion u r-rock kienu popolari.

Għal dawk li jħobbu t-teatru u l-letteratura, il-programm jinkludi wkoll id-dramm komiku Arti, oriġinarjament miktub bl-Ingliż minn Yasmina Reza, li ġie tradott għall-Malti u ser jittella’ taħt id-direzzjoni ta’ Albert Marshall bis-sehem ta’ Sean Buhagiar, Ray Calleja u Mikhail Basmadijan.

Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micalled tenna, “Nistednukom biex għal darb’oħra tingħaqdu magħna, tgawdu minn dak kollu li l-Belt Kapitali tagħna għandha x’toffri, u flimkien magħna, tagħmlu dawn l-attivitajiet suċċess. Staġjonalment, dan il-programm ma jinsa xejn – mill-Ġimgħa l-Kbira, ir-Rebbiegħa, is-Sajf jew il-festi tal-Milied – ser noffru xi ħaġa għal kulħadd f’kull żmien”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone spjegat li, “Issa iżjed minn qatt qabel, il-Belt Valletta saret mużajk kulturali mill-isbaħ – punt ta’ konverġenza għal avvenimenti artistiċi ta’ kwalità għolja. Aħna nibqgħu kommessi li nkomplu nibnu fuq is-suċċessi tal-aħħar erba’ snin filwaqt li nħaddnu l-possibilitajiet eċċitanti li joffri l-futur”.

L-artist ta’ fama mondjali José Cura bagħat messaġġ li intwera waqt it-tnedija, fejn tkellem dwar ix-xogħol tiegħu mal-Aġenzija.

Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali żur  vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Agħmel kuntatt magħna:

  • Indirizz
    Valletta Cultural Agency, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, Il-Belt Valletta
  • Numru tat-Telefon
    +356 2124 2018
  • Email
    info@vca.gov.mt

Żomm ruħek aġġornat.
Abbona għall-Ittraħbar!

** Mhux ser nibagħtulek emails bla bżonn.

back to top
  • Politika dwar il-Protezzjoni tad-Data
  • Dikjarazzjoni dwar l-Aċċessibilità
  • Il-Libertà tal-Informazzjoni
  • Riżorsi
  • Mappa tas-sit

© 2022 – Valletta Cultural Agency. Id-drittijiet kollha riżervati.

Another website by TheWebAlly Logo