• English
  • Malti
  • Attivitajiet
  • Aħbarijiet
  • Opportunitajiet
  • Blogs
  • Valletta Design Cluster
    • Dwarna
    • Il-Faċilitajiet Tagħna
    • Sir Membru
      • Become a Member
      • Sħubija bbażata fi Studjow
    • Il-Proġetti Tagħna
      • Programmi ta’ Residenza
        • Kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv
        • InnovAiR
      • Design4Innovation
      • EIT Urban Mobility RIS Hub Malta
      • Ulysses’ Shelter 3 Spring
  • Strada Stretta
  • Appoġġja lill-VCA
  • Dwarna
  • Ikkuntattjana

It-Tosca ta’ Puccini fit-Teatru Manoel f’Marzu

It-Teatru Manoel, it-teatru Nazzjonali Malti, qed iħejji biex itella’ l-ewwel opra sħiħa wara l-pandemija tal-COVID-19, Din il-produzzjoni qed titella' flimkien mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Dilettanti tal-opra, ħudu nota: it-Teatru Manoel, it-teatru Nazzjonali Malti, qed iħejji biex itella’ l-ewwel opra sħiħa wara l-pandemija tal-COVID-19.

F’Marzu 2023, fuq il-palk tat-teatru nazzjonali se jitla’ kast eċċezzjonali – taħt id-direzzjoni u bis-sehem tal-istilla internazzjonali tal-opra, it-tenur Arġentin José Cura – li se jagħti l-ħajja lil waħda mill-aktar opri maħbubin fid-dinja, it-Tosca ta’ Giacomo Puccini.

F’din il-ko-produzzjoni tat-Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, bi sħab mal-Bank of Valletta, Cura se jieħu sehem bħala Cavaradossi, Tanya Ivanova bħala Tosca u Carlos Almaguer bħala Scarpia, flimkien ma’ kast lokali mill-aqwa fosthom Alan Sciberras, Albert Buttigieg, Louis Cassar u Nadia Vella. Ma’ dawn il-kantanti se jingħaqdu wkoll KorMalta, taħt id-direzzjoni tas-surmast tal-kor Riccardo Bianchi, u l-Malta Philharmonic Orchestra mmexxija minn Mario de Rose.

“Apparti jien u t-tim tiegħi u ż-żewġ partijiet prinċipali l-oħra, mill-bqija kull min se jkun fuq il-palk se jkun Malti, minn sħabi tal-Malta Philharmonic Orchestra sal-kor, it-tekniċi, il-kostumisti, l-artisti tal-irtokk, u l-bqija,” spjega l-Maestro Cura. “Il-missjoni tagħna hi li nsaħħu l-istrutturi teatrali ta’ Malta sabiex fil-futur inkunu nistgħu nirrepetu proġetti sbieħ bħal dan. Bis-saħħa tax-xogħol iebes tal-familja tal-Manoel, l-appoġġ tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, l-għajn dejjem attenta tal-Ministru għall-Kultura, u l-inkoraġġiment tal-udjenza Maltija, nistgħu ngawdu din il-produzzjoni u namplifikaw dan is-suċċess matul is-snin li ġejjin.”

L-opra ssegwi lill-kantanta tal-opra tempestuża Floria Tosca hija u tissielet biex issalva lill-maħbub tagħha Cavaradossi mill-kap tal-pulizija Scarpia. Għaldaqstant, Tosca hija storja traġika ta’ passjoni, għira, imħabba, żina, qtil u intrigu politiku. Din il-produzzjoni l-ġdida fil-Manoel se jkollha l-kostumi ddisinjati minn Silvia Collazuol kif ukoll disinn innovattiv tas-sett u l-palk minn Cura nnifsu, li ċertament se jintriga lid-dilettanti kollha li jħobbu din l-opra l-opra famuża.

“Sabiex nindirizzaw il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-orkestra taħt il-palk tal-Manoel, li sa minn dejjem impedixxa l-produzzjoni ta’ opri kbar, fassalt bidla strutturali fl-użu tal-palk sabiex inkunu nistgħu nużaw orkestra sinfonika sħiħa. Din l-idea jaf tindika mod ġdid kif wieħed iħares lejn ix-xeneġġatura, li permezz tiegħu l-opri l-kbar ikunu jistgħu jinġiebu l-Manoel fil-futur,” żvela l-Maestru Cura. “Għaldaqstant, l-udjenza għandha tħejji ruħha biex, b’moħħ miftuħ, tara u tisma’ xi ħaġa differenti mill-ambjentar operistiku tas-soltu, li tradizzjonalment ikollu l-orkestra fl-ispazju tagħha taħt il-palk, u l-azzjoni warajha. Fil-fatt, se nkunu qed nagħmlu l-oppost – ejjew u taraw!”

Il-ko-produzzjoni tat-Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tat-Tosca ta’ Giacomo Puccini se tittella’ fit-Teatru Manoel fil-5, 8, 10 u 12 ta’ Marzu 2023, bil-wirjiet kollha jibdew fis-7.30pm. Din il-produzzjoni hi addattata għal udjenzi minn 14-il sena ‘l fuq. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil bookings@teatrumanoel.mt, billi ċċempel fuq (+356) 2124 6389 jew mis-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt.

Agħmel kuntatt magħna:

  • Indirizz
    Valletta Cultural Agency, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, Il-Belt Valletta
  • Numru tat-Telefon
    +356 2124 2018
  • Email
    info@vca.gov.mt

Żomm ruħek aġġornat.
Abbona għall-Ittraħbar!

** Mhux ser nibagħtulek emails bla bżonn.

back to top
  • Politika dwar il-Protezzjoni tad-Data
  • Dikjarazzjoni dwar l-Aċċessibilità
  • Il-Libertà tal-Informazzjoni
  • Riżorsi
  • Mappa tas-sit

© 2022 – Valletta Cultural Agency. Id-drittijiet kollha riżervati.

Another website by TheWebAlly Logo