F’dan id-dramm se jkun hemm biss protagonist wieħed li m’huwa ħadd ħlief Peter Galea, li se jieħu l-parti tal-istilla tal-isnooker. Takkumpanja lil Galea se jkun hemm ukoll mejda tal-isnooker, li se tkun qed tintuża tul id-dramm.

Dawk kollha li huma dilettanti tal-isnooker u li japprezzaw l-isportivi Maltin żgur m’għandhomx jitilfu dan id-dramm. Drago – It-Tvenin ta’ Tornado Tony se jkun qed jittella’ bejn il-11 u l-20 ta’ Marzu fit-8 ta’ filgħaxija fil-Każin tas-Società Filarmonika Nazionale La Valette.

Ibbukkja fi grupp ta’ 4 u applika l-promo code VOTEDRAGO maċ-check-out fuq showshappening.com biex tikseb skont ta’ 50%.

Min hu Tony Drago?

Imwieled fit-22 ta’ Settembru 1965, Tony Drago huwa magħruf Malta u anki lil hinn minn xtutna għall-karriera tiegħu fl-isnooker u l-pool, u bla dubju huwa wieħed mill-aktar persuni li ġab unuri għal Malta fil-qasam sportiv.

Tony Drago rnexxielu jilħaq l-għaxar post fir-rankings dinjin tal-isnooker. Drago huwa magħruf għall-aġilità tiegħu madwar il-mejda tal-isnooker tant li huwa mlaqqam bħala Tornado Tony u fil-fatt kiseb diversi titli u rekords.

Tony Drago trabba l-Belt Valletta. L-isnooker minn dejjem kellu post speċjali f’qalbu u meta kien żgħir kulħadd kien jgħidlu li se jkun plejer tajjeb.

L-ewwel darba li lagħab snooker kien għand Pawlu Curmi, il-Pampalun imma kien jilgħab ukoll il-Fossa u l-Mandraġġ u fil-klabb ta’ tfulitu l-Anglo Maltese fi Strada Merkanti.

Drago beda l-karriera kompetittiva lokali tiegħu fiċ-Championship tas-subien fl-1980 fejn kien rebaħ kontra Arthur Cachia. Fl-1984 kien meqjus bħala plejer professjonali u talbuh biex jilgħab fil-World Amateur Snooker Championship. Ma kienx irnexxielu għaliex tilef fil-kwartifinali imma s-sena ta’ wara qaleb uffiċjalment professjonali.

Tul is-snin Drago lagħab ħafna logħbiet professjonali u ħa sehem f’ħafna tournaments li dak iż-żmien kienu meqjusin bħala l-ikbar fid-dinja. Drago jsostni li l-iżjed plejer iebes li qatt sab huwa Steve Davis, l-iżjed plejer ta’ talent li qatt lagħab miegħu huwa Ronnie O’Sullivan imma l-aqwa wieħed għalih huwa John Higgins.