Il-Valletta Design Cluster huwa parti mill-EIT Urban Mobility RIS Hub Malta, inizjattiva tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ibbażat fuq it-tema tal-Mobilità Urbana. Dan il-Hub twaqqaf bħala parti mill-iskema sabiex jintlaħqu iżjed nies tal-Komunità tal-EIT, l-Iskema ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS) tal-EIT, introdotta fl-2014 biex tagħmel l-informazzjoni, l-għarfien espert u l-prattika tajba disponibbli għall-oħrajn u twessa’ l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati Maltin madwar l-Ewropa.

Il-Hub f’Malta huwa mmexxi mill-Project Aegle Foundation, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-Valletta Design Cluster. Dan twaqqaf fl-2020 biex jippromwovi l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-ekosistema lokali tal-mobbiltà urbana sostenibbli, bil-għan li jiġu appoġġjati n-negozji, l-entitajiet edukattivi u tar-riċerka li huma attivi fil-promozzjoni tal-kawża. Il-Valletta Design Cluster fi ħdan il-VCA ilu attiv sa mill-bidu li nbeda l-Ħub fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-partijiet interessati lokali, inklużi l-organizzazzjoni ta’ diversi laqgħat settorjali, avvenimenti pubbliċi li jiffukaw fuq teknoloġiji ġodda applikati għas-settur tal-mobbiltà urbana sostenibbli f’Malta u barra mill-pajjiż, il-ħolqien ta’ mappa tal-ekosistema f’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati tal-Hub, il-kondiviżjoni u t-trawwim ta’ Green Travel Plan Culture fost inizjattivi oħra. Il-VDC qed jimplimenta wkoll azzjonijiet li jidhru fil-Green Travel Plan tiegħu stess, li nħoloq bħala parti mill-attivitajiet tal-Hub. Minbarra li jipprovdi appoġġ lin-negozji, lill-entitajiet edukattivi u tar-riċerka attivi f’dan il-qasam, il-Hub se jiffoka l-attivitajiet tiegħu tal-2023 fuq l-involviment maċ-ċittadini u ż-żgħażagħ lokali sabiex jiġu promossi modi sostenibbli ta’ vvjaġġar fil-Gżejjer tagħna. Dan se jsir permezz ta’ attività speċjali ta’ Start-up-in-Residence li se tara start-ups barranin jinteraġixxu mas-settur lokali, attività fil-Valletta Green Festival popolari kif ukoll programm ta’ Ambaxxaturi Żgħażagħ għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena.

Din l-attività hija appoġġjata mill-EIT Urban Mobility, inizjattiva tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), korp tal-Unjoni Ewropea. L-EIT Urban Mobility jaġixxi biex iħaffef il-bidla pożittiva fil-mobilità biex l-ispazji urbani jsiru aktar abitabbli.

Aqra r-rapport sħiħ

Itgħallem iżjed dwar dan : eiturbanmobility.eu